Meta u kif wieħed isir werriet ?
L-aħħar aġġornamenti: 10/1/2012
L-Ingilterra u Wales, L-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq:
Il-proprjetà immobbli u mobbli ta’ persuna mejta għandha mal-mewt tagħha, minkejja kwalunkwe dispożizzjoni testamentari, taqa’ fuq u ssir tar-“rappreżentant personali” tiegħu.
- Ir-rappreżentant personali jissejjaħ “eżekutur”, (“eżekutur-nominat” fl-Iskozja) jekk jinħatar mit-testatur fit-testment tiegħu.
- Ir-rappreżentant personali jissejjaħ “amministratur” (“eżekutur-dattiv”), jekk ikun inħatar mill-qorti tal- probate (il-qorti tax-xeriff fl-Iskozja rispettivament).
Il-proprjetà ta’ persuna mejta hi amministrata minn dan ir-rappreżentant personali. Ir-rappreżentant personali
- iħallas id-djun tal-mejjet
- u jqassam l-assi u jittrasferixxi l-proprjetà lill-benefiċjarji.
Għaldaqstant, aċċettanza tas-suċċessjoni mhix meħtieġa. Madankollu, benefiċjarju ta’ sehem tal-mejjet jista’ jirrinunzja s-sehem tiegħu fil-wirt mingħajr testment.


